Bħala aġenzija regolatorja, l-EASA għandha rwol ewlieni fit-“Tfassil tar-Regoli” tal-avjazzjoni ċivili, il-proċess għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ materjal regolatorju.
Emendi għal Regolamenti eżistenti jew, f’xi każijiet, anke Regolamenti ġodda huma meħtieġa minn żmien għal żmien biex jinżamm jew jiżdied il-livell ta’ sikurezza:
- biex jiġu promossi standards ambjentali ogħla; jew
- biex tkun tista’ ssir integrazzjoni sikura u sostenibbli ta’ teknoloġiji ġodda jew kunċetti innovattivi oħra.
Eżempju tajjeb ta’ dan tal-aħħar huwa l-Opinjoni tal-EASA dwar il-Mobbiltà bl-Ajru Innovattiva, li mliet vojt regolatorju għal dan il-kunċett ta’ novità. Din l-Opinjoni, li ġiet ippubblikata fl-2023, introduċiet sett komprensiv ta’ rekwiżiti operazzjonali għal taxis tal-ajru elettriċi ppilotati, li jkopru l-oqsma tal-operazzjonijiet, il-liċenzjar tal-ekwipaġġ tat-titjira u r-regoli tal-ajru, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, l-ajrunavigabbiltà inizjali u kontinwa, u d-droni.
Iżda x’inhi Opinjoni tal-EASA, kif nistgħu naslu għaliha, u x’jiġri wara?
Ħarsa ġenerali lejn il-proċess tat-tfassil tar-regoli
Ejja ngħiduha kif inhi, l-iżvilupp ta’ materjal regolatorju jista’ ma jkunx l-aspett l-aktar eċċitanti tal-avjazzjoni, iżda huwa kompitu indispensabbli sabiex jiġi żgurat li l-avjazzjoni tkun sikura.
It-tfassil tar-regoli huwa proċess elaborat b’diversi stadji li spiss idumu diversi xhur jew – ħafna drabi – snin. Huma involuti diversi partijiet, inklużi korpi konsultattivi, esperti, partijiet affettwati, u, f’ħafna każijiet, il-pubbliku.
Huwa importanti li l-EASA tisma’ lil dawk li għandhom l-għarfien espert iddedikat u lil dawk li huma affettwati. Dan huwa garantit, fejn meħtieġ, billi jiġu involuti esperti, u partijiet interessati u affettwati fl-iżvilupp tal-proposti regolatorji, u fil-każijiet kollha billi l-proposti regolatorji jiġu kkonsultati pubblikament jew ma’ grupp iffukat ta’ partijiet affettwati u interessati. B’dan il-mod, iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati tal-avjazzjoni jistgħu jipprovdu l-fehmiet u l-kummenti tagħhom u jikkontribwixxu b’mod attiv għall-proċess.
Huwa daqstant importanti li l-EASA tkun trasparenti dwar ma’ min tinvolvi ruħha meta tiżviluppa proposti regolatorji u liema kummenti matul il-konsultazzjoni influwenzaw il-materjal regolatorju finali u kif. Għalhekk, l-EASA tipprovdi din l-informazzjoni meta tiffinalizza proċess tat-tfassil tar-regoli.
L-approvazzjoni finali tar-regoli hija r-responsabbiltà jew tal-Kummissjoni Ewropea (“liġi vinkolanti”) jew tal-EASA (“liġi mhux vinkolanti”).
Xi punti ewlenin:
- Is-sikurezza hija dejjem ta’ importanza kbira: Iż-żamma ta’ livell għoli ta’ sikurezza fl-avjazzjoni mhijiex negozjabbli għall-EASA. Meta tipproponi regoli jew emendi ġodda għalihom, l-EASA dejjem tiggarantixxi li l-livell ta’ sikurezza jiġi ppruvat li jkun mill-inqas sikur daqs l-istandards attwali.
- Regoli ġodda ma jseħħux f’vakwu: ir-raġunament wara kull regola jew emenda ġdida huwa spjegat, il-ħtieġa għalihom hija ġġustifikata, l-impatti huma vvalutati u l-proċess huwa trasparenti għal dawk li se jkollhom japplikaw ir-regoli.
Tnedija tat-tfassil tar-regoli
Il-programm tat-tfassil tar-regoli tal-Aġenzija jiġi ppubblikat fil-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EPAS), li jiġi aġġornat mill-inqas kull sena. Aħseb fl-EPAS bħala l-bibja tas-sikurezza tal-avjazzjoni: huwa jidentifika r-riskji ewlenin għas-sikurezza u kwistjonijiet oħrajn li jaffettwaw is-sistema Ewropea tas-sikurezza tal-avjazzjoni u jistabbilixxi l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu mitigati dawk ir-riskji. Waħda minn dawk l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni tista’ tkun it-tnedija ta’ kompitu tat-tfassil tar-regoli.
Kompitu tat-tfassil tar-regoli (u kwalunkwe azzjoni oħra fl-EPAS) ma jiġix mil-lum għal għada fl-EPAS. Dan huwa preċedut minn valutazzjoni bir-reqqa ta’, pereżempju, riskju għas-sikurezza, u jekk huwiex meħtieġ intervent mill-EASA u kif inhu meħtieġ.
Ladarba jasal iż-żmien biex jinbeda kompitu tat-tfassil tar-regoli kif muri fl-EPAS, l-EASA tinforma lill-pubbliku li wasal iż-żmien li tibda l-ħidma fuq din l-azzjoni permezz tal-ħruġ tat-Termini ta’ Referenza tal-kompitu tat-tfassil tar-regoli. Dan jippermetti, pereżempju, li l-partijiet ikkonċernati jkunu lesti jsemmgħu leħinhom.
It-Termini ta’ Referenza jwittu t-triq għall-kompitu tat-tfassil tar-regoli: jispjegaw ir-raġunament (l-“għaliex”) wara l-attività meħtieġa tat-tfassil tar-regoli u l-metodi ta’ ħidma li l-EASA se tieħu fil-proċess tat-tfassil tar-regoli (il-“kif”).
F’każijiet eċċezzjonali, tista’ titnieda azzjoni tat-tfassil tar-regoli anke jekk din ma tkunx deskritta fl-aħħar edizzjoni tal-EPAS. Id-Direttur Eżekuttiv tal-EASA mbagħad jikkonsulta lill-Kummissjoni Ewropea u l-Korpi Konsultattivi tal-EASA qabel ma jniedi l-azzjoni. Dik l-azzjoni mbagħad tiġi inkluża fl-aġġornament tal-EPAS li ġej.
Abbozz ta’ materjal regolatorju
L-EASA se tħejji l-ewwel abbozz tal-materjal regolatorju, meta jkun meħtieġ, bl-appoġġ ta’ esperti esterni bħall-korpi konsultattivi tal-Aġenzija, jew partijiet interessati jew affettwati.
L-abbozz ta’ materjal regolatorju jista’ jinkludi wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:
- abbozz ta’ regolamenti;
- abbozz ta’ mezzi aċċettabbli ta’ konformità;
- abbozz ta’ materjal ta’ gwida;
- abbozz ta’ speċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni;
- abbozz ta’ speċifikazzjonijiet dettaljati.
Fażi ta’ konsultazzjoni
L-EASA tikkonsulta kull abbozz ta’ materjal regolatorju fil-forma ta’ Avviż ta’ Emendi Proposti biex tiġbor il-fehmiet minn firxa usa’ ta’ partijiet ikkonċernati u temenda, jekk ikun meħtieġ, l-abbozz inizjali tal-proposta kif xieraq, qabel ma toħroġ il-materjal regolatorju finali.
Skont is-suġġett u l-qasam regolatorju u l-partijiet affettwati, l-EASA tagħmel kuntatt mal-pubbliku, jew b’mod aktar iffukat ma’ ċerti gruppi tal-Korpi Konsultattivi tagħha u/jew partijiet affettwati u interessati oħrajn.
Kull Avviż ta’ Emendi Proposti fih ukoll parti ta’ spjegazzjoni li tiddeskrivi:
- kif ġie żviluppat il-materjal regolatorju;
- għaliex ġie deċiż li l-kwistjoni tiġi rregolata;
- valutazzjoni tal-impatti (minn perspettiva soċjali, ekonomika, ambjentali u tal-proporzjonalità);
- spjegazzjoni dwar kif il-proposta hija maħsuba li timmitiga r-riskju għas-sikurezza jew li tindirizza kwistjonijiet oħra li skattaw l-azzjoni tat-tfassil tar-regoli.
Opinjoni tal-EASA
Għal-“liġi vinkolanti”, wara li tikkunsidra l-kummenti li jkunu waslu matul il-fażi ta’ konsultazzjoni, l-EASA tippubblika l-abbozz finali tal-materjal regolatorju fil-forma ta’ Opinjoni. Opinjoni tal-EASA hija pubblikazzjoni uffiċjali ppreżentata lill-Kummissjoni Ewropea, li fiha proposti għal regolamenti ġodda jew għal emendi għalihom. Din tinkludi wkoll parti ta’ spjegazzjoni u tiddeskrivi liema kummenti l-EASA rċeviet matul il-konsultazzjoni dwar l-Avviż tal-Emendi Proposti u kif dawn ġew ikkunsidrati.
Rwol tal-Kummissjoni Ewropea
Meta l-EASA tippubblika Opinjoni, jibda l-proċess leġiżlattiv fil-Kummissjoni Ewropea, u b’hekk jitkompla lil hinn mill-mandat tal-EASA. Il-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi jekk temendax jew tippubblikax regolamenti abbażi tal-kontenut tal-Opinjoni tal-EASA. F’dan il-proċess, il-Kummissjoni Ewropea tinvolvi wkoll lill-Istati Membri tal-UE fil-forma ta’ seduti ta’ smigħ tal-kumitati jew tal-gruppi ta’ esperti. Ladarba jiġu adottati, ir-Regolamenti l-ġodda jew emendati jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħlu fis-seħħ normalment wara 20 jum. Madankollu, dawn jistgħu jinkludu perjodu ta’ tranżizzjoni li permezz tiegħu r-rekwiżiti l-ġodda jsiru applikabbli biss aktar tard.
Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv
Għal-“liġi mhux vinkolanti”, wara li tkun ikkunsidrat il-kummenti li jkunu waslu matul il-fażi ta’ konsultazzjoni, l-EASA tippubblika l-materjal regolatorju finali fil-forma ta’ Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-EASA. Meta din il-liġi mhux vinkolanti tkun relatata ma’ proċess leġiżlattiv li jkun għadu għaddej fi ħdan il-Kummissjoni, eż. għal mezzi aċċettabbli ta’ konformità mar-rekwiżiti li jkunu introdotti mill-Kummissjoni f’Regolament, kif deskritt hawn fuq, l-EASA tippubblika d-Deċiżjoni tagħha biss ladarba r-Regolamenti l-ġodda jew emendati jiġu adottati u ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Id-deċiżjoni tal-EASA dwar il-“liġi mhux vinkolanti” (tiġi ppubblikata fuq il-Pubblikazzjoni Uffiċjali tal-EASA (jiġifieri s-sit web tal-EASA).
Esplorazzjoni aktar profonda tat-terminoloġija tal-“liġi mhux vinkolanti” tal-EASA
Mezzi Aċċettabbli ta’ Konformità (AMC): standards mhux vinkolanti ppubblikati mill-EASA, li jintużaw minn persuni u organizzazzjonijiet biex juru l-konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.
Materjal ta’ Gwida (GM): materjal mhux vinkolanti ppubblikat mill-EASA, li jgħin biex tintwera t-tifsira ta’ atti delegati jew ta’ implimentazzjoni jew speċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni u speċifikazzjonijiet dettaljati, u li jintuża biex jappoġġa l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139, tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, u tal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati.
Speċifikazzjonijiet ta’ Ċertifikazzjoni (CSs): standards tekniċi mhux vinkolanti ppubblikati mill-EASA, li jindikaw il-mezzi biex tintwera l-konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, u li jintużaw minn persuni u organizzazzjonijiet għall-fini ta’ ċertifikazzjoni.
Speċifikazzjonijiet Dettaljati (DSs): standards mhux vinkolanti ppubblikati mill-EASA għall-fini tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.
Għad-definizzjonijiet tal-“liġi vinkolanti” tal-Unjoni Ewropea, bħar-Regolamenti, l-Atti Implimentati u l-Atti Delegati, ara: Tipi ta’ liġijiet tal-UE