It-titjir ta’ dron huwa divertenti iżda jġib miegħu responsabbiltajiet, li xi wħud minnhom diġa’ tkellimna dwarhom fil-gwida għall-bdoti tad-droni preċedenti tagħna. Meta tkun operatur ta’ dron, id-dron tiegħek jikkondividi l-ispazju tal-ajru ma’ inġenji oħra tal-ajru, ma’ ħelikopters u fil-futur ma’ VTOLs. Għaldaqstant ma tistax ittajjar id-dron tiegħek kullimkien. Li tkun taf fejn tista’ ttajjar id-dron tiegħek huwa importanti għal kulħadd fl-ajru u fuq l-art.
Qabel ma tibda ttajjar id-dron tiegħek
Bħala bdot jew operatur remot tad-dron, waħda mill-affarijiet l-aktar importanti li għandek bżonn tagħmel qabel kull titjira hija li tiċċekkja fejn tista’ u fejn ma tistax ittajjar id-dron tiegħek billi tiċċekkja ż-żoni ġeografiċi qabel ma tibda ttajjru. Kun żgur li tgawdi t-titjira tiegħek jew li tagħmel ġurnata tajba ta’ xogħol bid-dron tiegħek mingħajr ma tidħol fl-inkwiet għax tkun dħalt f’xi żona ta’ titjir mhux awtorizzata, li jista’ jirriżulta f’multi kbar jew jikkawża aċċidenti.
- Agħti ħarsa lejn il-vidjo tagħna “Żoni Ġeografiċi tad-Dron”.
Żoni ġeografiċi tad-Dron (UAS)
Biex iżżomm lill-inġenji tal-ajru u lill-persuni fuq l-art sikuri, iż-żoni ġeografiċi tad-dron, jew il-ġeożoni, ġew stabbiliti fl-Ewropa kollha mill-Istati differenti. Il-Ġeożoni huma porzjonijiet tal-ispazju tal-ajru fejn l-operazzjonijiet tad-droni, jew biex nużaw it-terminu aktar uffiċjali Sistema tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord (UAS), jiġu ffaċilitati, ristretti jew esklużi. Il-Ġeożoni jiġu stabbilit biex:
- jimminimizzaw ir-riskji għas-sikurezza
- jipproteġu l-privatezza tal-oħrajn
- jindirizzaw kwistjonijiet ta’ sigurtà
- jindirizzaw tħassib ambjentali.
Hemm tliet ġeożoni ewlenin li għalihom l-Istati Membri jistgħu jadottaw kodiċi tal-kulur biex jiġi żgurat li l-utenti tal-ispazju tal-ajru jkunu jistgħu jidentifikaw malajr għal liema żona jkunu qed jirreferu.
Ġeożoni esklużi
It-titjiriet huma pprojbiti għall-operazzjonijiet fil-klassijiet kollha jew f’ċerti klassijiet, għaldaqstant it-titjir tad-droni mhuwiex permess.
Ġeożoni ristretti
L-operazzjonijiet ta’ UAS huma limitati u huma soġġetti għall-issodisfar tas-sett ta’ kundizzjonijiet imposti f’dawn iż-żoni. Teħtieġ għoti ta’ awtorizzazzjoni preliminari biex ittajjar id-dron tiegħek peress li tista’ tkun viċin żoni bħall-ajruporti, ħeliporti, parks nazzjonali, installazzjonijiet militari, sptarijiet, impjanti tal-enerġija nukleari jew kwalunkwe tip ta’ sit industrijali ewlieni, eċċ.
Ġeożoni ffaċilitati
L-operazzjonijiet ta’ UAS huma ffaċilitati fil-kategorija ‘Miftuħa’, għaldaqstant tista’ ttajjar id-dron tiegħek.
Spazju tal-ajru tal-U-Space
Porzjon tal-ispazju tan-naħa t’isfel fejn l-operazzjonijiet jiġu ġestiti għad-droni u vetturi oħra li joperaw fih.
Kif tiċċekkja ġeożona - gwida pass b’pass
Hawn xi ftit passi sempliċi biex tiċċekkja ż-żoni ġeografiċi:
- Agħżel il-klassi tal-piż tad-dron tiegħek u ppjana t-titjira tiegħek
- X’qed tippjana li tagħmel bid-dron tiegħek?
- Kif se tkun it-trajettorja tat-titjira tiegħek?
- Liem hi ż-żona fejn trid ittajjar id-dron tiegħek?
Hija r-responsabbiltà tal-bdot tad-dron li jikseb informazzjoni aġġornata dwar kwalunkwe żona ġeografika u li jikkonforma magħha qabel u wara kull titjira.
- Iċċekkja s-siti web tal-Awtorità Nazzjonali tal-Avjazzjoni (NAAs) u ikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-pajjiż fejn tixtieq ittajjar id-dron tiegħek.
- Ikkonnettja ma’ App tal-ippjanar tat-titjira tad-dron. L-EASA telenka dawk li jeżistu fuq il-paġna tal-NAA taħt “Fejn tista’ ttajjar id-dron tiegħek” skont il-pajjiż.
- Xi Awtoritajiet Nazzjonali tal-Avjazzjoni joffru ċarts diġitali li tista’ tiċċekkja. Oħrajn għandhom link għal ċarts ta’ dokumenti aġġornati li tista’ tniżżel.
- Fuq l-App jew fuq is-sit web tal-Awtorità Nazzjonali tal-Avjazzjoni, l-ewwel agħżel iż-żona fejn tixtieq ittajjar id-dron tiegħek. Imbagħad tkun tista’ tara jekk tistax ittajru hemm jew le. Jekk iż-żona tkun ristretta, se tara aktar informazzjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni meħtieġa. Meta l-pajjiż ikollu App, jaf tkun anke tista’ tapplika għal awtorizzazzjoni mal-awtorità kompetenti fl-App stess. F’każijiet oħrajn, jaf ikollok bżonn timla formola u tibgħatha lill-awtorità kompetenti permezz ta’ email. Jaf iddum jumejn sakemm tirċievi r-risposta għat-talba tiegħek.
- Jekk tkun ingħatajt awtorizzazzjoni biex ittajru f’żona ristretta, kun żgur li tibqa’ fi ħdan il-limiti ta’ dik l-awtorizzazzjoni.
Żoni allokati - restrizzjonijiet fl-altitudni, fil-ħin, fid-distanza, eċċ.
Taf tiltaqa’ ma’ żoni fejn japplikaw restrizzjonijiet ta’ titjir jew fejn sempliċiment ma tista' ttajjar id-dron tiegħek qatt, bħal żona ta’ titjir f’livell baxx għall-militari. Hemm ukoll il-possibbiltà li f’ċertu żoni japplikaw restrizzjonijiet parzjali bħal:
- Tista’ ttajjar id-dron tiegħek biss taħt ċerta altitudni, stabbilita inqas mill-120 metru massimu permessi mir-regoli fil-kategorija miftuħa.
- It-titjir tad-dron tiegħek huwa permess biss matul ħin speċifiku matul il-ġurnata, pereżempju minħabba li qed iseħħ xi avvenimenti fil-viċin, eż. kunċert jew logħba tal-isports.
- Id-distanza orizzontali bejnek u bejn id-dron tiegħek tista’ titnaqqas.
Ċart ajrunawtika tipprovdi indikazzjonijiet preċiżi dwar iż-żona fejn trid ittajjar id-dron tiegħek u r-restrizzjonijiet tagħha. Google maps jista’ jkun ukoll sors għal spezzjoni ta’ malajr taż-żona fejn tixtieq ittajjar id-dron tiegħek.
Sistema ta’ ġeokonsapevolezza
Grazzi għas-sistema ta’ ġeokonsapevolezza integrata f’ċerti droni, dawn jistgħu jidentifikaw ksur potenzjali fil-limitazzjonijiet tal-ġeożoni u jinfurmaw lill-bdot remot, sabiex inti tkun tista’ tieħu azzjoni immedjata u effettiva biex tipprevjeni l-ksur. Xi wħud mill-mudelli l-aktar riċenti tad-droni jinkludu din is-sistema, li ssir referenza għaliha wkoll bħala geofencing.
Hija bbażata fuq id-data ġeografika pprovduta u aġġornata regolarment mill-Istati Membri. Jekk id-dron tiegħek għandu sistema ta’ ġeokonsapevolezza, hija r-responsabbiltà tal-operatur tad-dron li jżommha aġġornata għad-dron/droni li inti tkun il-proprjetarju tagħhom.
Fly away tad-dron
Fly away huwa meta d-dron jitlef il-konnessjoni mal-kontrolli tal-bdot u sempliċiment jittajjar ’il barra mingħajr interruzzjonijiet. Dan jiġri wkoll flimkien ma’ telf fis-sinjal tal-GPS, għaldaqstant l-opzjoni “Return to Home” (RTH) ma tkunx tista’ titnieda.
Din hija tip ta’ okkorrenza li l-operaturi tad-droni jeħtieġu jirrappurtaw, irrelevanti minn ġo liema żona tkun qed ittajjar id-dron tiegħek. Din tista’ tkun:
- lill-Awtorità Nazzjonali tal-Avjazzjoni fil-pajjiż fejn qed topera
- fl-avveniment li tingħata awtorizzazzjoni biex ittajjar id-dron tiegħek viċin ta’ ajruport ikkontrollat jew f’żoni tat-titjir fejn l-operazzjonijiet tad-droni huma ristretti, jeħtieġ li tinforma wkoll lill-Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru immedjatament bl-informazzjoni dwar fejn mar id-dron, l-altitudni, il-veloċità tiegħu u (jekk possibbli) il-batterija li għad fadal
- lill-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħek ukoll. Il-manifatturi tad-droni li joffru d-droni b’RTH ikunu ferm interessati li jkollhom ir-rapport tiegħek ukoll. Żur is-siti web tagħhom għal aktar informazzjoni
Żomm ruħek infurmat u aġġornat - segwi EASA Light
L-EASA se tikkondividi l-informazzjoni kollha l-aktar aġġornata kollha dwar id-droni fuq EASA Light.
Oħloq kont u segwina fuq EASA Light biex iżżomm ruħek aġġornat!