Agenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni

L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni hija l-parti ċentrali ta' l-istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni. Il-missjoni tagħna hija dik li nippromwovu l-ogħla standards ta' sigurtà u ħarsien ta' l-ambjent fl-avjazzjoni ċivili.

Strateġija Komuni
It-trasport bl-ajru sar l-aktar mod sigur ta' kif wieħed jista' jivvjaġġa. Hekk kif it-traffiku ta' l-ajru jibqa' jikber, qed jinħass il-bżonn ta' inizjattiva komuni fuq livell Ewropew sabiex it-trasport bl-ajru jibqa' sigur u sostenibbli: Waqt li l-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu jwettqu l-biċċa l-kbira tal-kompiti ta' natura operattiva - bħal ċertifikazzjoni individwali ta' l-inġenji ta' l-ajru jew il-ħruġ ta' liċenzji għal piloti - l-Aġenzija min-naħa tagħha tiżviluppa regoli komuni fuq livell Ewropew relatati mas-sigurtà u l-ambjent. Din tissorvelja l-implimentazzjoni ta' l-istandards permezz ta' spezzjonijiet fl-Istati Membri u tipprovdi l-kompetenza teknika, it-taħriġ u r-riċerka meħtieġa.

Lejn suq wieħed fl-avjazzjoni
L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni hija wkoll responsabbli għal ċertifikazzjoni tat-tip, jiġiferi ċertifikazzjoni ta' mudelli speċifiċi ta' inġenji ta' l-ajru, magni jew partijiet approvati sabiex joperaw fl-Unjoni Ewropea. B'hekk l-industrija ta' l-avjazzjoni tibbenefika minn speċifikazzjonijeit komuni, servizzi effiċjenti li ma jkunux jinvolvu spejjeż eċċessivi kif ukoll punt ta' kuntatt uniku.

Attivitajiet kurrenti
L-attivitajiet ewlenin ta' l-Aġenzija bħalissa jinkludu:

  • Tfassil ta' regoli: abbozzar ta' leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà u l-provvista ta' konsulenza teknika lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri;
  • spezzjonijiet, taħriġ u programmi ta' standardizzazzjoni sabiex tiġi assigurata implimentazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni fl-Istati Membri kollha;
  • Ċertifikazzjoni tat-tip fil-qasam tas-sigurtà u ta' l-ambjent għall-inġenji ta' l-ajru, magni u l-partijiet tagħhom;
  • Approvazzjoni u superviżjoni ta' kumpanniji li jiddiżinjaw l-inġenji ta' l-ajru u ta' kumpanniji responsabbli mill-produzzjoni u l-manutenzjoni fl-istati li mhumiex membri;
  • Ġbir ta' dejta, analiżi u riċerka sabiex titejjeb is-sigurtà fl-avjazzjoni.
  • Manage the European Community SAFA programme on behalf of the European Commission.

Attivitajiet għal futur
Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet sabiex testendi r-responsabbiltajjiet ta' l-Aġenzija għal iktar oqsma importanti  fil-qasam tat-tfassil ta' regoli għas-sigurtà fl-avjazzjoni:

  • Regoli u proċeduri fl-operazzjonijiet ta' l-avjazzjoni ċivili;
  • Regoli għal ħruġ ta' liċenzji ta' l-ekwipaġġ fl-Istati Membri;
  • Ċertifikazzjoni ta' linji ta' l-ajru li mhumiex ta' l-Istati Membri.

L-Aġenzija qed tistenna li tieħu f'idejha dawn il-kompiti sa l-2008. Iktar 'il quddiem, huwa wkoll probabbli li jibda jkollha rwol importanti fil-qasam tat-tfassil tar-regoli fir-rigward ta' l-ajruporti u s-sistemi ta' tmexxija tat-traffiku ta' l-ajru.

Indipendenti u reposnabbli
L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni bdiet topera fl-2003 fuq il-bażi tar-Regolament tal tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill nru 1592/2002. Bħala korp indipendenti ta' l-UE taħt il-leġiżlazzjoni Ewropea, hija trid tagħti kont lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' l-UE. Il-baġit u l-programm ta' xogħol ta' l-Aġenzija huwa adottat mill-Bord ta' Tmexxija li jinkludi r-rappreżentanti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea. L-industrija ta' l-avjazzjoni hija involuta b'mod attiv fix-xogħol ta' l-Aġenzija permezz ta' għadd ta' kumitati konsultattivi. Jeżisti wkoll Bord ta' l-Appelli, li huwa wkoll indipendenti.

Tikber b'rata mgħaġġla
Ibbażata f'Cologne, il-Ġermanja, l-Aġenzija diġà timpjega xi 500 membru espert mill-Istati Membri kollha. Fis-snin li ġejjin, se tkompli timpjega speċjalisti u amministraturi bl-ogħla kwalifiki filwaqt li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala ċ-ċentru ta' eċċellenza fl-Ewropa fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni.

Kooperazzjoni internazzjonali
L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni qed tiżviluppa relazzjonijiet stretti ta' xogħol ma' organizzazjonijiet simili madwar id-dinja inklużi l-Organizzazjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), l-Amministrazzjoni Federali għall-Avjazzjoni fl-Istati Uniti (FAA) u l-awtoritajiet ta' l-avjazzjoni fil-Kanada, il-Brażil, l-Iżrael, iċ-Ċina u r-Russja. L-arranġamenti ta' xogħol bejn l-Aġenzija u dawn l-organizzazzjonijiet huma mmirati lejn l-armonizzazzjoni ta' l-istandards u l-promozzjoni ta' l-aħjar prassi fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni fuq livell dinji..